Għeżież ħuti f’San Franġsk,
Minħabba l-pandemija tal-Covid-19 smajna nies li għalkemm huma nies ta’ fidi f’Alla xorta waslu biex staqsew, “Imma għala Alla ppermetta din l-pandemija tirkibna daqs hekk u tkun kaġun ta’ eluf mejta u morda? Ma setax Alla jwaqqafha? Tidher cara li din il-mistoqsija ħarġet minn qalb miġugha kaġun il-biża u l-paniku li nħakem minnha l-bniedem meta dan il-virus niżel fuqna ħabta u sabta. Ħaġa li ħadd qatt ma esperjenza xi ħaġa bħala.

Alla jista jagħmel kollox imma l-Mulej Alla għax iħobb il-bniedem tah ħajtu f’idejħ. Tah il-liberta assoluta tal-kelma, ta’ kif irid jaġixxi, jgħix u kif ifassal ħajtu. Il-bniedem jew minħabba r-reghba, il-poter, is-suppervja, il-progress jew forsi bi ħsieb li ser jagħmel xi ħaga biex jigwadanja jmur kontra r-rittmu tan-natura. Iżda dejjem ikun tard wisq meta jinduna li n-natura qed tpattihielu. Alla ma jaġixxix kontra l-bniedem billi jpattihielu talli warrbu u ħadha kontra tiegħu. Dak li jaqa’ fuq il-bniedem tkun konsegwenza ta’ kif aġixxa u għamel il-bniedem stess. Alla għax huwa mħabba dejjem jeħodha kontra d-dnub imma jibqa jhobb lill-bniedem u jhallieh fil-liberta tieghu. Nagħmlu x’nagħmlu Alla jibqa jħobbna u jiġri warajna.

Eżempju: Omm f’ġurnata sabiħa tar-rebbiegha ddecidiet li tieħu lit-tifel tagħha fi ġnien sabiħ fejn it-tifel seta’ joqgħod jilgħab u jieħu pjacir. Kif waslu, it-tifel intilef fil-kobor u l-ġmiel tal-ġnien kollu siġar fjuri u funtani. Ħin minnhom ra wisgha sabiħa u ddecida li jmur jilgħab fiha bil-ballun. Mar jgħid lil-ommu u din tagħtu l-ballun iżda qabel telaq qaltlu biex ma jmurx f’l-għalqa ta’ ħdejn il-witgha għax kienet mħarbta u jekk jaqa’ kien iweġġa.
L-omm kienet b’għajnejha l-ħin kollu fuqu u kull meta kien ikun se jidħol fl-għalqa l-oħra kienet tiġbidlu l-attenzjoni. Ħin minnhom it-tifel daħal jiġri fl-għalqa l-oħra, waqa’ u bara irkupptejh. L-omm marret tiġri u refaghtu. It-tifel muġugh u jibki dar fuq ommu u qalilha, għax ħallejtni naqa’? Hi kienet pronta u qaltlu: “Għidtlek kemm-il darba biex ma tidħolx f’dik l-għalqa għax taqa’, iżda inti ma smajtx minni u dħalt b’konsegwenza li waqajt. L-omm setghet tipproteġi lit-tifel milli jaqa’ iżda biex tipproteġih riedet iccaħħdu milli jilgħab bil-ballun, ħaġa li hu kien iħobb jagħmel. Waqa’ għax għażel li ma jismax mit-twissijiet li tagħtu ommu.

Alla ħalaq in-natura perfetta iżda l-bniedem bis-suppervja u l-egoiżmu tiegħu ħarbat ir-ritmu perfett tan-natura. Kemm nitkellmu fuq l-ambjent u l-importanża tiegħu! Kemm nitkellmu dwar it-tniġġis tal-arja bi dħaħen valenużi tal-industriji! In-natura minnha nnifisha issaffi l-arja billi s-siġar jieħdu l-arja ħażina u jipproducu l-ossiġnu li mingħajru l-bniedem ma jgħix. Imma l-bniedem bl-iskuża tal-progress qed jeqred is-siġar biex flokhom jagħmel it-toroq mnejn jghaddu eluf ta’ karozzi kuljum liema karozzi jkomplu jifgaw l-univers b’arja u dħaħen qerrieda. Dan l-egoiżmu tal-bniedem qed jeqred lilu nnifsu u jikkaġuna dawn id-diżastri globali u partikulari.

Ejjew ma nagħmlux bħal dak it-tifel li għax waqa’ waħħal f’ommu. Il-Mulej bħal dik l-omm dejjem jindukrana, dejjem magħna avolja aħna naħsbu li telaqna. Kemm jibgħatilna sinjali Alla u aħna ma nindunawx bihom għax inkunu aljenati jew għax naħsbu li aħna ma għadx għandna bżonn lil Alla? Mela ejjew nitolbu lil-Ispirtu s-Santu biex jimlina bl-umilta u jkattrilna l-fidi.

Il-Paci Magħkom
Joe Gatt O.F.S.