Minn Charmaine  Attard   –  15/04/18 07:30 AM

L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech qalu li meta l-liġi tintroduċi l-possibilità tal-kiri tal-ġuf bis-surrogazzjoni tkun qed tagħmel mit-tarbija oġġett ta’ produzzjoni.

F’komunikat, l-Isqfijiet irreaġixxew għall-emendi proposti mill-Gvern għall-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijuni, li qalu li qraw b’dispjaċir.

Fi kliemhom it-tarbija ssir oġġett ta’ produzzjoni anke bil-possibiltà ta’ donaturi anonimi u l-iffriżar tal-embrijuni.

Mons. Scicluna u Mons. Grech saħqu li t-tarbija ssir oġġett biex tissodisfa x-xewqa ta’ ħaddieħor.

Żiedu jgħidu li jista’ jkun hemm tfal li qatt ma jkunu jafu min ikunu l-missier jew l-omm naturali tagħhom.

L-Isqfijiet irrimarkaw li l-ulied jistħoqqilhom li jkunu mħarsa fil-ħtiġijiet fiżiċi, emozzjonali, psikoloġiċi, morali u spiritwali.

Appellaw lil dawk responsabbli mil-liġi biex ma jagħmlu xejn li jkasbar id-drittijiet tal-ulied.